Mhux se jkun hemm “patt ekoloġiku” mingħajr “patt soċjali”

mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Fis-26 ta’ Frar, il-bdiewa u t-trakters tagħhom imblukkaw it-toroq ta’ Brussell bi protesta, għat-tieni darba fi ftit ġimgħat. F’kuntrast qawwi mal-wirja normali ta’ lbies formali u xagħar maqtugħ pulit, fit-toroq tad-distrett Ewropew niżlu trakkijiet, trakters, ħuxlief u munzell tajers maħruqin. Ir-raġunijiet kumplessi wara l-protesta tal-bdiewa jvarjaw mill-PAK u l-politiki ambjentali għal kwistjonijiet kompletament mhux relatati.

Il-verità hija li l-kampanja Ewropea tinsab f’sitwazzjoni diffiċli, u issa ilha għal żmien twil. Il-Grupp tal-Ħaddiema u l-KESE b’mod ġenerali wissew ripetutament li mhu se jkun hemm l-ebda patt ekoloġiku mingħajr patt soċjali. U minkejja li jista’ jkun hemm it-tentazzjoni li dan jitwarrab bħala prodott sekondarju ieħor tal-lingwaġġ tekniku ta’ Brussell, dan ikun żball gravi. Il-kampanja qed tiffaċċja problemi reali. Dawn jinkludu intermedjarji li jħallsu biċ-ċiċri lill-produtturi iżda li jitolbu prezzijiet esaġerati lill-konsumatur; għajnuna insuffiċjenti għat-twettiq ta’ riformi ambjentali; u kummerċ ħieles (mhux ġust), il-kundizzjonijiet tax-xogħol ħorox u t-tibdil fil-klima.

Ir-rispons tal-Kummissjoni Ewropea, li malajr abbandunat ir-rekwiżiti tal-pestiċidi, huwa saħansitra aktar inkwetanti min-nuqqas ta’ konsultazzjoni u involviment xierqa mal-imsieħba soċjali u n-nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-politika soċjali. Bħal fil-każ tal-miżuri ambjentali, l-abbandun ta’ dawn il-miżuri jista’ jippermetti lill-politiċi tagħna jiggwadanjaw ftit ħin, iżda se jwassalna wkoll lil hinn mill-punt tal-ebda ritorn fir-rigward tal-ħsara ambjentali.

Barra minn hekk, bl-elezzjonijiet li ġejjin, il-lemin estrem qed jipprova jikkapitalizza fuq l-iskuntentizza u, sa ċertu punt, qed jirnexxielu jmexxi l-protesta kontra l-SDGs, il-Patt Ekoloġiku u l-Aġenda 2030.