Minn Maria Nikolopoulou

Ftit jiem qabel ma niċċelebraw il-Jum Internazzjonali tan-Nisa u hekk kif qed nantiċipaw id-69 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa fi New York, issa huwa ż-żmien opportun biex nirriflettu dwar il-kisbiet fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u nevalwawhom. Huwa wkoll mument tajjeb biex inħarsu lejn il-futur u nkomplu nwittu t-triq ’il quddiem.

Fir-rigward tal-qafas leġiżlattiv, nosservaw titjib: hemm aktar nisa attivi fis-suq tax-xogħol, li qed jaqilgħu introjtu aħjar, jiksbu livelli ogħla ta’ edukazzjoni, jokkupaw aktar pożizzjonijiet ta’ poter u jżidu r-rappreżentanza politika tagħhom. Madankollu, il-progress kien kajman u mhuwiex uniformi fl-Istati Membri kollha.

Iżda sakemm jippersistu l-inugwaljanzi strutturali, l-istereotipi marbuta mal-ġeneru u r-rigressi tad-drittijiet tan-nisa, in-nisa se jkomplu jkunu sottorappreżentati fl-isfera pubblika, fil-politika u fl-istudji STEM, se jkunu esposti għal vjolenza online u offline u se jkollhom nuqqas ta’ aċċess għar-riżorsi u l-kapital għall-intraprenditorija. Se jkunu wkoll aktar vulnerabbli għal faqar tal-ħin u tal-flus u d-differenzi fil-pagi u l-irtirar se jieħdu wisq snin biex jingħelbu.

It-taħriġ, il-finanzjament u l-impenn huma lkoll meħtieġa biex nimxu ’l quddiem. Neħtieġu riżorsi biex nagħtu spinta lill-ħiliet tan-nisa għal tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali li tkun ġusta, biex niffinanzjaw pjani ta’ azzjoni nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u biex nipprovdu taħriġ għall-persunal kollu li jaħdem mas-superstiti tal-vjolenza.

Jeħtieġ li niffinanzjaw proġetti intraprenditorjali u nistabbilixxu servizzi ta’ kura tat-tfal u tal-anzjani affordabbli, aċċessibbli u ta’ kwalità għolja biex jitneħħa l-piż tar-responsabbiltajiet ta’ għoti ta’ kura mhux imħallsa minn fuq in-nisa. Barra minn hekk, neħtieġu impenn qawwi biex noħolqu spazji sikuri, ninvolvu aktar nisa fil-parlamenti lokali, nazzjonali u tal-UE, u niżguraw il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fi proċessi ta’ riżoluzzjoni mhux vjolenti tal-kunflitti u ta’ bini tal-paċi, u fl-istess ħin nippromovu wkoll approċċi inklużivi fir-rigward tal-ġeneru f’dawn l-isforzi.

Barra minn hekk, strateġija Ewropea wiesgħa għall-Aġenda 2030 tgħinna nimxu ħafna aktar malajr biex nagħmlu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri parti ewlenija tal-politiki tagħna. L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għandhom jiġu indirizzati b’mod komprensiv, u mhux individwalment.

Fl-UE, il-progress huwa “tajjeb”. Iżda “tajjeb” mhuwiex biżżejjed għall-irġiel, in-nisa u l-bniet fl-UE li qed jiġġieldu għal ugwaljanza effettiva bejn il-ġeneri fis-snin li ġejjin. Ir-rwol tagħna bħala soċjetà ċivili huwa li nżidu l-pressjoni fuq dawk li jfasslu l-politika biex l-affarijiet jimxu ’l quddiem malajr.