L-istudent ta’ sbatax-il sena, Adam Mokhtari, kien wieħed mir-rappreżentanti tal-Irlanda f’L-Ewropa Tiegħek, Leħnek li saret f’Marzu fi Brussell bit-tema “Nagħtu vuċi liż-żgħażagħ”. Aktar tard huwa ppreżenta r-rakkomandazzjonijiet ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” fil-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE fejn tkellem f’sessjoni bit-titolu Nidentifikaw il-perkors tal-Ewropa - Il-konnessjoni mill-ġdid ta’ soċjetajiet polarizzati permezz tat-tagħlim komunitarju u l-edukazzjoni ċivika. Adam jiddeskrivi dak li għoġbu f’“L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” u jaqsam l-istorja personali tiegħu biex jenfasizza għaliex irid Ewropa fejn kulħadd iħossu inkluż.
Minn Adam Mokhtari
Jien Adam Mokhtari, u kelli esperjenza mill-isbaħ meta rrappreżentajt lill-Irlanda f’L-Ewropa Tiegħek, Leħnek tal-2025. Madwar 90 żagħżugħ u żagħżugħa minn madwar l-Ewropa ltaqgħu flimkien biex jaqsmu l-ideat u jsawru l-futur.
Waħda mill-partijiet favoriti tiegħi kienet il-ħidma fi gruppi biex jiddiskutu kwistjonijiet importanti u jieħdu deċiżjonijiet. Tassew gawdejt ukoll l-attività fejn biddilna ma’ xulxin ir-rwoli ta’ semmiegħ, kelliem u osservatur, u ddiskutejna xi tfisser l-Ewropa għal kull wieħed minna personalment. Kull wieħed minna kellu seba’ minuti biex jitkellem, u b’hekk stajna naċċertaw li nstemgħet il-vuċi ta’ kulħadd.
Fl-aħħar, qbilna dwar ħames rakkomandazzjonijiet ewlenin. Dawn huma li l-gvernijiet isiru aktar trasparenti u jinkludu liż-żgħażagħ, it-tagħlim dwar ċittadinanza attiva fl-iskejjel, l-iżgurar tal-ugwaljanza għal kulħadd, li ż-żgħażagħ jingħataw vuċi reali fil-politika, u l-ħolqien ta’ pjan ta’ azzjoni b’saħħtu dwar il-klima.
Kelli l-unur nirrappreżenta lill-parteċipanti kollha ta’ L-Ewropa Tiegħek, Leħnek fil-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, u naqsam ir-rakkomandazzjonijiet tagħna ma’ dawk li jfasslu l-politika. Dan kollu wrieni li l-ilħna taż-żgħażagħ huma importanti!
Il-qawwa tal-edukazzjoni
L-edukazzjoni għandha rwol enormi biex tgħin liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom fid-demokrazija. Tgħallimna kif naħsbu b’mod kritiku, nidentifikaw l-aħbarijiet foloz, u nieħdu azzjoni. Mingħajr l-appoġġ tal-iskola tiegħi, ma kienx ikolli din l-opportunità. Issa, irrid inħeġġeġ lill-oħrajn biex jinvolvu ruħhom ukoll.
F’L-Ewropa Tiegħek, Leħnek, il-President tal-KESE, Oliver Röpke u l-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ, Biliana Sirakova semgħu l-ideat tagħna u ħeġġewna nkomplu nistinkaw għall-bidla.
L-istorja tiegħi u għaliex l-inklużjoni hija importanti
Twelidt fl-Irlanda, iżda l-ġenituri tiegħi marru hemm lejn l-aħħar tas-snin 90. Meta waslu, esperjenzaw l-imħabba u r-rispett tal-poplu Irlandiż. Ommi u missieri qaluli li matul dak il-perjodu, ftit kien hemm diversità fl-Irlanda. Minkejja dan, il-ġenituri tiegħi għexu tajjeb fis-snin 90.
Jien Irlandiż u jien Ewropew. Għandi wirt Alġerin. Xi drabi, ħassejtni differenti minn oħrajn, iżda fil-biċċa l-kbira nħossni bħal ħaddieħor. Tgħallimt ħafna minn kulturi differenti, u naħseb li dan huwa dak li jagħmel il-ħajja aħjar. Kieku konna lkoll l-istess, il-ħajja tkun monotona. Is-sigriet huwa li nkunu miftuħin għad-differenzi u l-fehim tal-oħrajn.
B’xorti ħażina, ċerti migranti u żgħażagħ illum jaffaċċjaw diskriminazzjoni, mibegħda u trattament inġust, li jistgħu jitħeġġu mill-media soċjali. Jeħtieġ li din is-sitwazzjoni tinbidel. Ma tantx ninsab kuntent nara dan. Xi immigranti fl-Irlanda issa jinsabu f’diffikultà, qed jgħixu fit-toroq, u jitqiesu bħala problema. Mhuwiex faċli, u hija ħaġa ta’ qsim il-qalb.
Kelli x-xorti nattendi skejjel fejn kulħadd iħossu inkluż, iżda mhux iż-żgħażagħ kollha għandhom dik l-esperjenza. Jeħtieġ li niżguraw li ż-żgħażagħ kollha jħossuhom aċċettati u jkollhom sens ta’ appartenenza, sabiex ma jħossuhomx li tħallew barra jew maqtugħin mis-soċjetà.
Nibnu futur aħjar
Biex l-Irlanda u l-Unjoni Ewropea jsiru aktar inklużivi, neħtieġu edukazzjoni aħjar dwar kulturi differenti u x’tagħmel l-UE għalina. Dan se jgħin fil-fehim u se jtejjeb l-inklużjoni.
Neħtieġu avvenimenti komunitarji biex inlaqqgħu lin-nies flimkien u ninteraġixxu b’mod pożittiv ma’ xulxin. Jeħtieġ li aktar żgħażagħ ikunu involuti f’deċiżjonijiet fil-livell lokali, anke fi klabbs taż-żgħażagħ, klabbs sportivi jew skejjel, jew fil-livell tal-UE. Dan se jwassal biex iħossuhom inklużi fl-affarijiet li huma importanti għalihom. Irridu nuru liż-żgħażagħ kif jipparteċipaw.
Neħtieġu appoġġ mill-UE biex l-inklużjoni ssir prijorità. Kien sabiħ ħafna li wieħed jisma’ li l-inklużjoni hija prijorità għall-KESE.
Dak li rrid għall-Ewropa
Ħafna żgħażagħ ma tantx jafu dwar x’tagħmel l-UE għalihom. L-UE għandha tagħmel aktar biex tgħinna ninvolvu ruħna fil-politika u fl-elezzjonijiet.
Irrid Ewropa magħquda, ġusta u ta’ akkoljenza, fejn il-persuni kollha jħossuhom inklużi, irrispettivament mill-isfond tagħhom.
L-Ewropa Tiegħek, Leħnek urietni li ż-żgħażagħ jistgħu jagħmlu differenza. Anke jekk l-ideat tagħna mhux kollha jiġu aċċettati mill-ewwel, tal-inqas qed jingħataw widen. Bħala żagħżugħ Irlandiż b’wirt Alġerin, inħoss li l-opinjoni tiegħi hija rilevanti, u rrid li oħrajn ikollhom opportunità bħali.
L-edukazzjoni tista’ tgħin biex tlaqqa’ lin-nies flimkien, tiġġieled id-diskriminazzjoni, u tagħti vuċi liż-żgħażagħ. Se nieħu din l-esperjenza lura d-dar u nħeġġeġ lil oħrajn jinvolvu ruħhom. Il-futur tal-Ewropa jinsab f’idejna! Hija l-Ewropa tagħna u għandna vuċi!
Adam Mokhtari huwa student ta’ 17-il sena mill-Irlanda. Huwa jattendi l-iskola sekondarja Bremore Educate Together f’Balbriggan qrib Dublin. B’passjoni għall-UE u biex is-soċjetajiet isiru aktar inklużivi u propseri, Adam ħa sehem f’L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2025 u kien rappreżentant tal-avveniment fil-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili ta’ din is-sena.
Inqas