“L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” 2023: Iż-żgħażagħ jitolbu UE aktar trasparenti, diġitali u semplifikata

Fit-23 u l-24 ta’ Marzu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ospita l-14-il avveniment L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!, li laqqa’ fi Brussell 105 studenti minn 35 skola mis-27 Stat Membru tal-UE u s-seba’ pajjiżi kandidati. Minħabba l-ħafna sfidi soċjetali u ekonomiċi, spazju ċiviku li qed jiċkien u theddid għall-paċi u d-drittijiet fundamentali, il-konferenza ta’ din is-sena ffukat fuq “Djalogi maż-Żgħażagħ dwar id-Demokrazija” u kellha l-għan li tiżgura li l-ilħna taż-żgħażagħ jingħataw widen fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-istudenti se jiġu ppreżentati lill-istituzzjonijiet Ewropej u lil dawk li jfasslu l-politika tal-UE ta’ livell għoli f’Ġunju 2023.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-istudenti għall-istituzzjonijiet Ewropej huma:
1.    EU simplified: applikazzjoni eYou li tippermetti liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom direttament mal-politiċi u mas-soċjetà ċivili billi jagħżlu l-interessi ewlenin tagħhom u jsegwu l-aħħar żviluppi fil-livell lokali
2.    Il-pjattaforma E-Youth għall-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea hija mod kif tiġi ssemplifikata l-politika għall-ġenerazzjonijiet iżgħar, u tagħtihom forum fejn leħinhom jingħata widen
3.    Il-pjattaforma tal-EYout(h)rust se żżid it-trasparenza fil-politika fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE
4.    Il-proġett Youth Democratic Opinion (YDO) li se jtejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni ċivika u l-involviment fl-Ewropa billi jistabbilixxi programm ta’ ambaxxaturi tal-UE li jiġbor il-fehmiet taż-żgħażagħ u jipproponi rakkomandazzjonijiet lil dawk li jfasslu l-politika
5.    Aktar inizjattivi ffinanzjati mill-UE mexxijin MIŻ-żgħażagħ GĦAŻ-żgħażagħ

Għidulna x’inhuma l-aspettattivi u t-tamiet tagħkom għall-futur tal-Ewropa. X’tibdil tixtiequ taraw? Komplu, semmgħu leħinkom, kunu kreattivi u spontanji, qalet il-President tal-KESE Christa Schweng lill-istudenti miġburin għall-avveniment. Dan huwa mument kritiku għall-kredibbiltà tal-Ewropa bħala post ta’ paċi, demokrazija u prosperità. Biex tindirizza sfidi ġodda, jeħtieġ li l-UE tagħti widen liż-żgħażagħ u tadotta ideat ġodda. Aħna se nsegwu r-riżultati tal-ħidma tagħkom tal-lum.
 
Il-Viċi President tal-KESE għall-komunikazzjoni, Cillian Lohan qal lill-istudenti li l-KESE se jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħhom fl-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ (EYE) tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu f’Ġunju. Leħen iż-żgħażagħ jgħodd għax dawn iridu jmexxu l-bidla lejn l-Ewropa ta’ għada. Għall-Viċi President Lohan, dak li jagħmel id-differenza, f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi, huwa li nsiru attivi. Meta d-difetti tas-sistema jibdew joħorġu fid-dieher jew meta din tkun f’riskju, ilkoll kemm aħna rridu nintensifikaw l-attivitajiet privati tagħna u nsiru attivi. Illum, intom għamiltu dan il-pass: grazzi. 

Biliana Sirakova, il-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ fil-Kummissjoni Ewropea, fakkritna li Dawn l-inizjattivi għandhom l-għan li jinvolvu liż-żgħażagħ biex isiru ċittadini attivi. Mingħajr ċittadini attivi, id-demokrazija ma tiffunzjonax. Dak li għamlu dawn iż-żgħażagħ illum huwa eżempju tad-demokrazija: din hija l-qawwa tan-nies li jingħaqdu flimkien biex iġibu l-bidla u jħallu impatt.

Id-diskussjonijiet urew li ż-żgħażagħ jemmnu li bħalissa ma hemm l-ebda spazju biex isemmgħu leħinhom fl-Unjoni Ewropea. Huma esprimew sentimenti dwar id-diżillużjoni u l-frustrazzjoni minħabba li ma jemmnux li għandhom l-għodod u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jaġixxu u jagħmlu differenza fis-soċjetà. 
Il-membru tal-KESE Neža Repanšek assigurathom li din il-frustrazzjoni hija punt ta’ tluq tajjeb għall-bidla, u siltet mill-esperjenza personali tagħha: Il-motivazzjoni li wasslitni biex nipparteċipa b’mod attiv nibtet mill-frustrazzjoni. Rajt li meta ż-żgħażagħ jingħaqdu flimkien, nistgħu nkunu forza qawwija ħafna. Qatt m’intom żgħar wisq biex tbiddlu xi ħaġa fid-dinja. 

Ismael Páez Civico, membru tal-bord tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, qal: M’intomx se taraw bidla malajr, din isseħħ fuq tul ta’ żmien. Iżda jekk jogħġobkom, titilfux it-tama! Kompli aħdmu għall-bidla għaliex dak li qed tgħidu eventwalment se jasal għand dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Il-parteċipanti attendew spettaklu ta’ Teatru Navpaky matul is-sessjoni tal-għeluq ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!” li kienet tinkludi kompilazzjoni ta’ 9 kanzunetti tal-palk bl-Ukren li jirrakkontaw l-istejjer taż-żgħażagħ li qed jiffaċċjaw esperjenzi differenti tal-ħajja f’ambjent li jirrifletti l-avvenimenti attwali fl-Ukrajna. L-ispettaklu għandu l-għan li juri li l-eroj ta’ kuljum li jiġġieldu għal-libertà tagħhom mhumiex statwi tal-bronż majestużi, iżda nies ordinarji.
 

Downloads

YEYS! 2023: Youth ask for a more transparent, digital and simplified EU