Galia Ackerman

L-isfidi enormi għall-Ewropa li tirrappreżenta l-aggressjoni Russa kienu s-suġġett tas-seminar annwali tal-KESE għall-komunikaturi tas-soċjetà ċivili, bit-titolu Inkwiet ġeopolitiku fuq l-għatba tal-Ewropa: il-perspettiva tas-soċjetà ċivili, li sar f’Zagreb, il-Kroazja, fl-24 u l-25 ta’ Ottubru 2022.

L-Unjoni Ewropea ma għandhiex biss tappoġġja lill-Ukrajna matul il-gwerra, iżda għandha wkoll tirrifletti dwar ir-rikostruzzjoni fit-tul tal-Ukrajna u l-perkors tagħha lejn sħubija mal-UE. Dan ġie enfasizzat waqt is-seminar organizzat bi sħubija mal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Kroazja.

Is-seminar kien maqsum fi tliet panels: It-tkabbir tal-UE, Il-komunikazzjoni fi żminijiet ta’ kriżi, u L-enerġija.

Fid-diskors tal-ftuħ tagħha f’Zagreb, il-President tal-KESE Christa Schweng, qalet: “Ejjew nippruvaw nimmaġinaw lill-Ukrajna fi ftit snin oħra. Naf li huwa diffiċli li nara l-affarijiet b’mod pożittiv fl-isfond ta’ aħbarijiet kostanti mill-kamp tal-gwerra, bil-missili jkomplu jolqtu lill-bliet Ukreni kuljum, jikkawżaw ħsara lin-network tal-ilma u jikkawżaw qtugħ tal-enerġija. Il-ħsieb tagħna u l-ħidma tagħna llum iridu jkunu ggwidati minn kif irridu naraw il-futur tal-Ukrajna. Jien nara lill-Ukrajna bħala pajjiż rikostruwit, għani, bbażat fuq il-valuri Ewropej u li jippermetti liċ-ċittadini tiegħu li jirritornaw għal ħajja deċenti f’pajjiżhom.”  

“Il-Punent kif kien żbaljat dwar Vladimir Putin?” Galia Ackerman, kittieba Franċiża-Russa, ġurnalista, u storika, indirizzat din il-mistoqsija fid-diskors ewlieni tagħha. Fil-fehma tagħha, Putin kellu aġenda moħbija sa minn meta tela’ fil-poter fir-Russja.

Madankollu, għadd ta’ persuni mill-Punent ma setgħux jagħrfu l-għanijiet ta’ Putin, u oħrajn ippreferew li ma jagħmlux dan. Vladimir Putin, li huwa mħarreġ mill-KGB, għandu l-mentalità u l-etika tal-KGB. U jien naqbel li xi ħadd li huwa prodott tal-KGB jista’ jkollu l-ħiliet li jqarraq lill-biċċa l-kbira tad-dinja”, qalet is-Sinjura Ackerman.

Il-Ministru Kroat għax-Xogħol, is-Sistema tal-Pensjoni, il-Familja, u l-Politika Soċjali, Marin Piletić, il-kap tal-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew fil-Kroazja, Violeta Simeonova Staničić, il-Kap tal-Media tal-Uffiċċju tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea fil-Kroazja Andrea Čović Vidović, u l-Kap tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Kroati Hrvoje Zovko, kienu fost il-kelliema li tkellmu fil-ftuħ tas-seminar.

Id-diskussjonijiet fit-tliet panels infetħu minn Seamus Boland, il-President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, Oliver Röpke, il-President tal-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE, u Aurel Laurențiu Plosceanu, membru tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE u l-President tas-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza (SOC) tal-KESE, rispettivament.

Il-panel li fetaħ is-seminar, bit-titolu Fid-dell tal-gwerra: il-kuntest ġeopolitiku ġdid tal-Ewropa u l-konsegwenzi għall-futur tal-UE, iffoka fuq l-impatt tal-azzjonijiet tar-Russja fuq il-Balkani u t-tagħlimiet li l-Ukrajna tista’ tiegħu dwar it-tkabbir tal-UE.

It-taqbida tal-Punent fil-“gwerra tan-narrattivi” kontra r-Russja ta’ Putin kienet waħda mit-temiet tad-diskussjoni tal-panel dwar Il-komunikazzjoni fi żminijiet ta’ kriżi. Il-membri tal-panel enfasizzaw is-saħħa tar-Russja biex ixxerred il-propoganda tagħha lil hinn mill-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq, u rrimarkaw il-ħtieġa li qed tikber għal “armata” ta’ professjonisti u voluntiera biex jiġġieldu kontra t-tekniki ta’ diżinformazzjoni fl-Ewropa.

Problemi gravi fis-suq tal-enerġija, aggravati mill-gwerra, kienu s-suġġett tad-diskussjoni tal-panel dwar Ir-rivoluzzjoni tal-enerġija bejn il-gwerra u l-objettivi klimatiċi, l-isfidi għall-Patt Ekoloġiku. L-isfidi għat-tranżizzjoni ekoloġika, it-tagħlimiet mid-dipendenza mir-Russja (li japplikaw ukoll għaċ-Ċina), u l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-enerġija nukleari kienu fuq l-aġenda tad-diskussjoni.

Is-seminar kien appoġġjat ukoll mill-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew u l-Uffiċċju tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea fil-Kroazja. (ll)