European Economic
and Social Committee
Ewropa li qed tixjieħ teħtieġ aktar trasferimenti ta’ negozji b’suċċess
Minn Mira-Maria Kontkanen, Membru tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE
Meta mqabbla ma’ negozji ġodda, in-negozji trasferiti b’suċċess għandhom prestazzjoni aħjar f’termini ta’ sopravivenza, fatturat, profitt, innovazzjoni, u impjiegi. Għalkemm hemm raġuni tajba biex jiġu appoġġjati l-intraprendituri Ewropej ta’ negozji ġodda, jeħtieġ li t-trasferimenti ta’ negozji jiġu promossi bl-istess mod fit-triq tal-Ewropa lejn l-irkupru u t-tkabbir.
Bidla fis-sjieda hija parti naturali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija u ssir dejjem iktar rilevanti hekk kif l-intraprendituri Ewropej jikbru fl-età. Kull sena madwar 450 000 kumpanija b’2 miljun impjegat qed jiġu trasferiti fl-Ewropa. Madankollu, huwa stmat li kull sena, madwar 150 000 negozju jirriskjaw li ma jiġux trasferiti b’suċċess, u b’hekk jipperikolaw madwar 600 000 impjieg.
Iż-żieda fl-għadd ta’ trasferimenti ta’ negozji b’suċċess għandha benefiċċji immedjati għall-ekonomija Ewropea. Ekosistemi ta’ trasferiment ta’ negozji li jiffunzjonaw tajjeb u mekkaniżmi ta’ appoġġ mhux biss jissalvagwardjaw l-impjiegi Ewropej, iżda jippromovu wkoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali fiż-żoni rurali u jiżguraw varjetà ta’ prodotti u servizzi, kif ukoll l-għajxien f’dawn iż-żoni. It-trasferimenti ta’ negozji jistgħu wkoll jiffaċilitaw u jagħtu spinta lit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali tal-MSMEs Ewropej, peress li t-trasferiment tas-sjieda sikwit huwa żmien tajjeb għal tiġdid fil-kumpanija u biex jiġu adottati modi ġodda ta’ negozju.
Għalkemm ir-responsabbiltà finali tat-trasferiment ta’ negozju hija tal-intraprenditur, hemm aktar xi jsir fil-livell tal-Istati Membri u dak Ewropew biex jiżdied l-għadd ta’ trasferimenti ta’ negozji b’suċċess, fosthom:
- attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, bħall-organizzazzjoni ta’ ġimgħa ddedikata għall-promozzjoni tat-trasferimenti ta’ negozji u forums nazzjonali għall-partijiet interessati dwar it-trasferimenti ta’ negozji;
- l-istabbiliment ta’ barometru dwar it-trasferimenti ta’ negozji fl-UE kollha biex jiġi appoġġjat it-tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali;
- l-inklużjoni tal-għarfien dwar l-akkwist ta’ kumpanija u s-suċċessjoni fl-edukazzjoni intraprenditorjali, u l-iżvilupp ta’ inċentivi għat-trasferiment ta’ kumpaniji żgħar lil intraprendituri żgħażagħ;
- l-iżvilupp ta’ trasferimenti transfruntiera tal-MSMEs pereżempju permezz ta’ interkonnessjonijiet bejn is-swieq tat-trasferimenti ta’ negozji fl-EU kollha.
L-Ewropa għandha timmira li tiġi f’sitwazzjoni fejn l-akkwist ta’ negozju eżistenti jiġi kkunsidrat bħala opportunità li tkun ugwalment attraenti daqslikieku wieħed isir intraprenditur ta’ negozju ġdid. Dan jista’ jsir biss jekk l-UE u l-Istati Membri jqiegħdu l-promozzjoni tat-trasferimenti ta’ negozji fil-qalba tal-politiki tagħhom għall-irkupru, it-tkabbir u l-intraprenditorija.
Aqra l-artiklu kollu fl-edizzjoni ta’ Settembru tal-bullettin tal-Grupp ta’ Min Iħaddem. L-Opinjoni tal-KESE dwar Trasferimenti ta’ negozji bħala promoturi tat-tkabbir tal-irkupru sostenibbli fis-settur tal-SMEs, li r-relatur tagħha kienet is-Sinjura Kontkanen, tinsab hawnhekk.