Qatt m’int żgħir wisq jew kbir iżżejjed biex tgħin!

Għeżież qarrejja,

Ninsab impressjonat! L-emozzjoni tar-rebbieħa tal-Premju għas-Solidarjetà Ċivili tagħna ta’ din is-sena għadha f’moħħi.

Fil-15 ta’ Frar kont wieħed mill-ospitanti taċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet li xxandret dirett quddiem udjenza ta’ 7 500 ruħ. L-aħbar tar-rikonoxximent mill-KESE ta’ dawn l-inizjattivi tajbin ħafna dalwaqt tinfirex fl-Ewropa kollha.

U r-rebbieħa kienu biss parti żgħira mill-istampa sħiħa. Kull waħda mill-250 applikazzjoni li rċevejna kienet xhud tas-solidarjetà fantastika li kienet u għadha qed tintwera minn bosta fir-rigward tal-COVID-19. Il-proġetti rebbieħa jagħtu stampa ta’ dak li qed jiġri fuq il-post, tal-isforzi enormi li saru minn għadd kbir ta’ organizzazzjonijiet u individwi biex jgħinu lil dawk fil-bżonn, anke biex isalvaw il-ħajjiet jew sempliċiment jgħinu lin-nies jindirizzaw it-tbatija kkawżata mill-pandemija. Il-ħafna komunitajiet tagħna wrew li huma tassew il-qalba tal-Ewropa.

Fir-rigward tal-kontenut tagħhom, il-proġetti varjaw minn dawk li jipprovdu appoġġ in natura, bħat-twassil ta’ ikel u assistenza lill-anzjani jew lil persuni mingħajr dar, dawk li jipproduċu materjal mediku protettiv għat-tobba, il-persunal mediku jew għas-swali tal-maternità, sa proġetti li jseħħu kompletament online, bħal pereżempju l-ħarsien tas-saħħa mentali tal-adoloxxenti jew ta’ kull min għandu bżonn, il-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz b’rabta mal-COVID-19, l-għajnuna mogħtija lit-tfal bi bżonnijiet edukattivi speċjali u lill-ġenituri tagħhom biex dawn jissoktaw bl-edukazzjoni u bit-terapija waqt li l-iskejjel kienu magħluqin, l-organizzazzjoni ta’ korsijiet ċertifikabbli dwar dak kollu li wieħed jeħtieġ ikun jaf dwar il-COVID-19 jew sempliċiment l-organizzazzjoni ta’ kunċerti mill-gallariji biex jgħollu l-moral matul l-ewwel lockdowns. U dawn huma biss ftit eżempji!

Il-proġetti rebbieħa juru li qatt m’inti żgħir wisq jew kbir iżżejjed biex tgħin – dawn varjaw minn inizjattivi mnedija minn student tal-iskola sekondarja ta’ 18-il sena għal operazzjonijiet fuq skala kbira mwettqa minn NGO internazzjonali, attiva f’diversi kontinenti u mogħnija b’esperjenza rikka fl-għoti tal-kura tas-saħħa f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

Ara x’nistgħu niksbu meta nisfruttaw dak is-sens ta’ responsabbiltà ċivili, dik il-kompassjoni, u l-konsiderazzjoni għall-proxxmu tagħna.

L-għan tal-KESE kien li jirrikonoxxi l-kontribut tas-soċjetà ċivili Ewropea biex tegħleb din il-kriżi, u r-rwol vitali li kellha. Xtaqna nuru lil dawk in-nies li jaħdmu fuq il-post li l-Ewropa hija grata għall-impenn u s-solidarjetà tagħhom. Iddeċidejna li nindirizzaw dan bi premju.

Nittamaw li l-premju tagħna mhux se jkun biss inċentiv għar-rebbieħa tagħna, iżda se jservi wkoll ta’ ispirazzjoni għall-organizzazzjonijiet u l-individwi l-oħra kollha biex ikomplu bl-atti inkredibbli tagħhom ta’ solidarjetà, peress li dak li jwettqu huwa kruċjali biex tintrebaħ il-battalja kontra l-pandemija u biex nibnu futur aħjar għall-Ewropa. Għalhekk, konna tassew kburin u ċċelebrajna dan il-mument b’umiltà ma’ wħud minn dawn in-nies inkredibbli;

Nixtiquk ukoll issir taf aħjar lil dawn in-nies kuraġġużi u kreattivi, u x-xogħol li wettqu. F’din il-ħarġa tista’ taqra intervisti ma’ kull wieħed mir-rebbieħa tagħna li, fost l-oħrajn, qalulna x’wassalhom iniedu l-proġetti tagħhom u kif dawn intlaqgħu mill-benefiċjarji diretti tagħhom. Tista’ tisma’ wkoll il-podcast mar-rebbieħ tagħna fil-kategorija transfruntiera – Emergency, NGO li bniet sptar f’Bergamo meta din il-belt Taljana kienet il-hotspot tal-coronavirus fil-fażi bikrija tal-pandemija. U hawn ukoll xi fatti divertenti għal dawk li jixtiequ jsiru jafu aktar. Il-qari t-tajjeb!

Cillian Lohan

Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni