“Irridu mmorru lil hinn mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir”

KESEInfo: X’inhi l-pożizzjoni tal-KESE dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-governanza ekonomika l-ġdida?

Javier Doz: Il-Kummissjoni għamlet din il-proposta fid-dawl tal-fatt li, f’Jannar 2024, tiskadi l-klawżola liberatorja ġenerali inkluża fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST), minħabba l-livelli għoljin ta’ defiċit u dejn f’ħafna Stati Membri tal-UE wara l-pandemija u, possibbilment, minħabba riflessjoni kritika dwar il-konsegwenzi negattivi tal-applikazzjoni riġida tad-dispożizzjonijiet tal-PST b’rabta mal-ġestjoni politika tar-Reċessjoni l-Kbira.

Fil-proposta, minkejja li jinżammu l-limiti tad-defiċit u tad-dejn (3% u 60% tal-PDG rispettivament), il-mod u l-iskadenza biex jintlaħqu dawn l-objettivi huma iżjed flessibbli u huma differenzjati abbażi taċ-ċirkostanzi tal-Istati Membri differenti.

Barra minn hekk, il-proposta tissemplifika r-regoli: ir-rata ta’ tkabbir tan-nefqa primarja netta ssir l-indikatur ewlieni, li jissupponi li jiġu esklużi l-imgħax fuq id-dejn, il-benefiċċji tal-qgħad u n-nefqa ffinanzjata minn miżuri diskrezzjonarji jew fondi Ewropej. In-novità ewlenija hija l-pjani fiskali u strutturali, li jkopru perjodu bejn erba’ u seba’ snin, li kull gvern se jinnegozja mal-Kummissjoni u li fihom se jinkludu riformi strutturali.

Fis-26 ta’ April, il-Kummissjoni ppubblikat żewġ Proposti għal Regolament u Proposta għal Direttiva, li jemendaw l-objettivi korrispondenti tal-PST dwar il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja, il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE) u r-rekwiżiti tal-oqfsa baġitarji. Wara pressjoni mill-Gvern Ġermaniż, ġew introdotti ċerti dispożizzjonijiet aktar riġidi meta mqabbla mal-Komunikazzjoni ta’ Novembru, b’mod partikolari l-obbligu li jitnaqqas id-dejn b’rata annwali ta’ 0.5% tal-PDG għal pajjiżi b’livell ta’ defiċit ogħla minn 3% jew l-applikazzjoni awtomatika tal-PDE għal dawk li jiddevjaw mill-pjan fuq terminu medju.

Għalkemm il-KESE jappoġġja l-aspetti fundamentali tal-pakkett tal-Kummissjoni, il-pjani fiskali u strutturali nazzjonali differenzjati u l-elementi ta’ flessibbiltà li jintroduċi fil-PST, jemmen li għandhom jinżammu l-kundizzjonijiet tal-proposta oriġinali ta’ Novembru u jappella għal dibattitu dwar il-ħtieġa li wieħed imur lil hinn mill-qafas tal-1997.

Il-KESE jemmen ukoll li għandha tiġi indirizzata, fost kwistjonijiet oħra, il-possibbiltà li tinħoloq “kapaċità fiskali permanenti” tal-UE biex tkun tista’ tiġi ffinanzjata firxa dejjem tikber ta’ “beni komuni Ewropej”. Jemmen ukoll li l-involviment tal-parlamenti nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-pjani fiskali u strutturali jsaħħaħ is-“sjieda nazzjonali” tal-impenji li jiġbru flimkien dawn il-pjani.

Fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ li jiġi żgurat trattament differenzjat tal-investiment fil-pjani fiskali u strutturali, b’mod partikolari fil-qasam tat-tranżizzjoni ekoloġika u d-difiża; li jissaħħu l-objettivi soċjali u tax-xogħol fl-investimenti u r-riformi; u li tiġi rieżaminata bir-reqqa l-metodoloġija għall-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn u l-involviment tal-gvernijiet u tal-aġenziji fiskali nazzjonali indipendenti bil-għan li tiġi ddeterminata t-“trajettorja teknika” tat-tnaqqis tad-dejn.