Fit-23 ta’ Marzu, il-KESE ddiskuta mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Věra Jourová dwar kif jistgħu jissaħħu d-demokraziji u l-valuri demokratiċi fl-Unjoni Ewropea kollha. Adotta wkoll riżoluzzjoni dwar dan is-suġġett bi proposti prattiċi. Dawk li jfasslu l-politika, l-esperti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qablu li l-edukazzjoni ċivika, finanzjament aħjar għall-imsieħba soċjali u enfasi fuq id-dimensjoni lokali huma kruċjali għad-demokrazija fl-Ewropa.

“L-elezzjonijiet Ewropej fl-2024 ser ikunu test tar-rieda politika, u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ser jaqdu rwol ewlieni fil-mobilizzazzjoni ta’ dawk li se jivvotaw għall-ewwel darba u l-votanti żgħażagħ”, qalet il-President tal-KESE Christa Schweng, “iżda rridu mmorru lil hinn mill-elezzjonijiet. Hemm bżonn nappoġġjaw aħjar liż-żgħażagħ tagħna, nikkollegaw mill-ġdid magħhom fil-proċess demokratiku u nagħtuhom il-mezzi għal ċittadinanza attiva sħiħa.”

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Věra Jourová rrikonoxxiet ir-rwol kruċjali li jaqdu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fid-difiża u l-promozzjoni tad-demokrazija, li ħafna drabi jaħdmu fi spazji fejn l-Istati fallew. Qalet li “il-parteċipazzjoni attiva tan-nies mhux biss hija mixtieqa iżda meħtieġa ħafna.” “Id-demokrazija tinsab taħt test tal-istress u jeħtieġ li nagħmlu ħafna aktar biex nipproteġuha u niksbu mill-ġdid il-fiduċja tal-poplu tagħna.”

Il-parteċipanti enfasizzaw il-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-ekonomija soċjali u s-settur tal-volontarjat, ikollhom aċċess aħjar għall-finanzjament u jkunu involuti fid-definizzjoni ta’ fejn għandhom jintużaw dawn ir-riżorsi. Huma qablu wkoll li l-kompetenzi trasversali huma s-sinsla vera ta’ demokrazija parteċipattiva u deliberattiva.

Wara d-dibattitu, il-KESE adotta Riżoluzzjoni dwar “ Magħqudin għad-demokrazija: l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, tal-ħaddiema u tas-soċjetà ċivili li jaħdmu għal futur demokratiku sostenibbli”, li tibni fuq ir- rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili ta’ din is-sena. Ir-Riżoluzzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ id-demokrazija billi żżid il-parteċipazzjoni pubblika, u tirrinforza l-istrutturi għad-demokrazija parteċipattiva. Tappella wkoll għall-implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, inkluża strateġija Ewropea għas-soċjetà ċivili u Statut Ewropew għall-Assoċjazzjonijiet. (tk)