Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) stieden lill-Parlament Ewropew (PE), lill-Kunsill tal-UE u lill-Istati Membri biex jemendaw b’mod urġenti l-Att Elettorali tal-1976 b’mod li jiggarantixxi li ċ-ċittadini kollha tal-UE b’diżabilità jkollhom dritt ġenwin li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-PE fl-2024.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar Il-ħtieġa li jiġu garantiti drittijiet reali ta’ persuni b’diżabilità biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, adottata fit-2 ta’ Diċembru, il-KESE qal li kien qed jitlob li fit-test tal-Att jingħataw kjarifiki dwar il-prinċipji tal-universalità, is-segretezza u l-kapaċità diretta.

Dan itemm id-diskriminazzjoni kontra l-votanti b’diżabilità minħabba r-regoli jew l-arranġamenti attwali fi Stati Membri differenti, li jvarjaw b’mod konsiderevoli minn pajjiż għal ieħor. Dan jista’ wkoll ineħħi l-ostakli legali jew tekniċi attwalment fis-seħħ fl-Ewropa kollha, li qed iċaħħdu miljuni mid-drittijiet tal-vot tagħhom.

L-Opinjoni hija segwitu għar-rapport ta’ informazzjoni tal-KESE li sab li, minħabba dawn l-ostakli, l-ebda pajjiż tal-UE ma seta’ jiggarantixxi li l-elezzjonijiet ikunu kompletament aċċessibbli għal kulħadd.

Is-sejbiet tar-rapport, ippubblikati xahrejn qabel l-elezzjonijiet tal-PE tal-2019, ġew ikkonfermati aktar tard mir-rapporti elettorali mill-midja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

“Il-KESE jqis li tali diskriminazzjoni hija inaċċettabbli u tmur kontra l-valuri fundamentali tal-UE, it-Trattati u l-atti legali u politiċi internazzjonali ewlenin,” qal Krzysztof Pater, l-awtur tar-rapport u tal-Opinjoni.

“Dak li qed nitolbu għandu x’jaqsam mal-prinċipju tad-drittijiet ugwali għal kulħadd. Kif jista’ jkun li fis-seklu 21, miljuni ta’ ċittadini tal-UE b’diżabilità ma jistgħux igawdu d-dritt tagħhom li jivvutaw, u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet kważi ma jagħmlu xejn biex ibiddlu dan? Din hija kwistjoni kruċjali għad-demokrazija tal-UE. Fuq kollox, din hija kwistjoni tad-dinjità umana”, enfasizza s-Sur Pater.

Fil-fehma tal-KESE, il-prattiki eżistenti li jiddiskriminaw kontra ċ-ċittadini tal-UE b’diżabilità jistgħu jitneħħew malajr billi jiġi emendat l-Att Elettorali b’mod li jdaħħal obbligu għall-pajjiżi tal-UE biex jimplimentaw standards li jiggarantixxu li dawn il-persuni jkollhom dritt ġenwin li jivvutaw.

Dawn l-istandards jinkludu ż-żieda ta’stqarrija li tistipula li l-ebda ċittadin tal-UE ma jista’ jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu li jivvota fl-elezzjonijiet tal-PE minħabba kundizzjoni ta’ diżabilità jew saħħa abbażi ta’ regolamenti nazzjonali.

L-istandards meħtieġa biex jiġu ċċarati l-prinċipji ta’ kapaċità diretta u segretezza se jiżguraw li l-persuni kollha b’diżabilità, irrispettivament mit-tip ta’ diżabilità tagħhom, ikunu jistgħu jivvutaw mingħajr assistenza u b’mod sigriet. (ll)