Il-Kumitat ta' Segwitu Balkani tal-Punent

Il-Kumitat ta’ Segwitu Balkani tal-Punent ġie stabbilit fl-2004 sabiex isegwi l-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (b’mod partikolari dawk li magħhom ma twaqqfux korpi bilaterali konġunti tas-soċjetà ċivili) u sabiex jinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija fir-reġjun. Huwa magħmul minn membri tal-KESE u jiltaqa’ sa erba’ darbiet fis-sena, fl-UE jew fir-reġjun, bil-għan li jikkonsulta ma’ mexxejja politiċi u atturi mis-soċjetà ċivili.

Il-prijoritajiet tal-Kumitat ta’ Segwitu huma dawn li ġejjin: ir-refuġjati u l-kriżijiet tal-migrazzjoni, l-iżvilupp soċjoekonomiku, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet u l-koeżistenza tad-diversi minoranzi, il-libertà tal-kelma, l-istat tad-dritt u d-djalogu soċjali.

Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent

Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent jiġi organizzat kull sentejn f’wieħed mill-pajjiżi tar-reġjun. Is-suġġetti tal-forum huma konformi mal-prijoritajiet tal-Kumitat ta’ Segwitu Balkani tal-Punent. Il-forum ilaqqa’ flimkien għadd konsiderevoli ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi parteċipanti ta’ livell għoli mill-istituzzjonijiet tal-UE u mir-reġjun. Irawwem id-djalogu fi ħdan is-soċjetà ċivili u l-kooperazzjoni reġjonali. Fi tmiem il-Forum, tiġi adottata dikjarazzjoni b’settijiet konkreti ta’ rakkomandazzjonijiet maħsuba għall-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kif ukoll għall-istituzzjonijiet tal-UE.