Id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet taċ-ċittadini

L-UE mhijiex biss suq komuni; hija unjoni ta’ valuri komuni li jsawru l-identità Ewropea. Dawn il-valuri huma stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u jinkludu wkoll id-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali: “il-valuri indiviżibbli u universali tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, ta’ l-ugwaljanza u tas-solidarjetà; [l-Unjoni] hi bbażata fuq il-prinċipji ta’ demokrazija u l-istat tad-dritt. Hija tqiegħed il-persuna fil-qalba ta’ l-attivitajiet tagħha, billi tistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u billi toħloq spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.”

Il-Karta tlaqqa’ flimkien f’test wieħed id-drittijiet personali, ċiviċi, politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha li jgawdu l-persuni fi ħdan l-UE u japplikaw għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-Istati Membri meta jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni.

Minbarra ċ-ċittadinanza nazzjonali ta’ persuna kwalunkwe, kull ċittadin ta’ Stat Membru huwa awtomatikament ċittadin tal-Unjoni. Id-drittijiet stabbiliti miċ-ċittadinanza tal-UE jinkludu, fost oħrajn, id-dritt li wieħed jiċċaqlaq u jgħix liberament fi ħdan it-territorju tal-UE. Grupp ta’ miljun ċittadin Ewropew jista’ jitlob direttament lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi inizjattiva speċifika (Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej).

Il-KESE huwa attiv ħafna fil-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, u b’mod partikolari fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tar-razza, l-oriġini etnika, id-diżabilità u s-sess.