Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Mill-1 ta’ April 2012, iċ-ċittadini Ewropej bdew igawdu dritt ġdid li jagħtihom vuċi iżjed b’saħħitha: l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE). Din ġiet introdotta fl-Artikolu 11 tat-Trattat ta’ Liżbona, u tagħti liċ-ċittadini li jirnexxielhom jiġbru mill-anqas miljun firma minn tal-anqas seba’ Stati Membri, id-dritt li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi leġiżlazzjoni Ewropea ġdida jew tibdel il-liġijiet eżistenti (minbarra l-liġi primarja).

Il-qafas legali ġenerali tal-IĊE huwa stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u l-annessi tiegħu.

Il-KESE, bħala difensur tad-dritt taċ-ċittadini li jipparteċipaw u leħen is-soċjetà ċivili, appoġġa l-idea ta’ inizjattiva taċ-ċittadini sa mill-bidu nett u ħadem qatigħ għal sett sempliċi u komprensibbli ta’ regoli, kif stabbilit fiż-żewġ Opinjonijiet li huwa adotta dwar l-IĊE:

Il-KESE jaqdi rwol attiv fil-promozzjoni tal-IĊE u n-networking tal-partijiet interessati billi jorganizza konferenza annwali, Jum l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, u seminars ta’ informazzjoni oħra dwar is-suġġett. Huwa għandu wkoll rwol ta’ tmexxija fil-kooperazzjoni interistituzzjonali bejn l-amministrazzjonijiet kompetenti tal-UE. Fil-qosor, il-KESE jqis li għandu żewġ rwoli x’jaqdi:

  • il-Kumitat bħala faċilitatur ta’ inizjattivi emerġenti, billi jipprovdi pjattaforma għad-djalogu u l-informazzjoni, ilaqqa’ flimkien lill-organizzaturi involuti, jew jorganizza l-laqgħat, fil-kuntest tar-rwol tiegħu bħala d-dar tas-soċjetà ċivili;
  • il-Kumitat bħala mentor istituzzjonali, billi joffri lill-Kummissjoni l-għajnuna tiegħu fil-fażi tal-evalwazzjoni ta’ IĊE, jorganizza b’mod konġunt seduta pubblika, u/jew ifassal Opinjoni dwar IĊE ta’ suċċess fil-ħin għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, bħala parti mir-rwol konsultattiv tiegħu.

Għal aktar informazzjoni dwar is-servizzi relatati mal-IĊE fi ħdan il-KESE, jekk jogħġbok ara t-taqsima tagħna dwar “IĊE fi ħdan il-KESE” jew il-pubblikazzjoni tagħna Passaport Demokratiku Ewropew, jew ikkuntattja lis-Segretarjat tal-IĊE permezz tal-formola ta’ kuntatt tagħna.

Żur is-sit web uffiċjali tal-IĊE tal-Kummissjoni Ewropea għal aktar informazzjoni dwar l-għodda tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, inkluż dwar kif taħdem, l-aħħar aħbarijiet u l-inizjattivi kollha, attwali u passati, li ġew irreġistrati b’suċċess.

 

Downloads

European Democracy Passport